top of page
elevation.jpg

L-EWKARISTIJA U C-ĊELEBRAZZJONI TAL-LITURĠIJA

Kitba ta' P. Joseph Ellul

17799248_10206800925136337_1114961493025019183_n.jpg__nc_cat=108&ccb=1-5&_nc_sid=0debeb&_n

Fil-ħajja ta’ San Duminku dan it-tisħib fit-tbatija ta’ Kristu kien isib il-qofol tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Il-Beatu Ġordan jikteb li “kien iqaddes tista’ tgħid kuljum”,[1] ħaġa rari ħafna għal dawk iż-żminijiet. Dan il-kittieb jissokta jgħidilna li waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kien ixerred id-dmugħ. Għalina llum aħbar bħal din bilkemm ma tlissinx tbissima jew xi kumment sarkastiku, imma jekk neħduha fid-dawl tal-fidi, inkunu nistgħu nagħrfu t-tifsira qawwija li fih dan id-dettall.

San Duminku kien jagħraf tabilħaqq li fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kien qiegħed fil-preżenza ta’ Alla. Huwa kellu sens profond tas-sejħa saċerdotali tiegħu. Quddiem Kristu preżenti fl-Ewkaristija ma setax ma jtennix dik l-istess stqarrija ta’ fidi li għamel San Tumas l-Appostlu quddiem Kristu Rxoxt: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.”[2]

Huwa proprju dan is-sens ta’ qima hekk kbir lejn dan il-misteru tal-imħabba divina li qanqal fl-Ordni l-ħeġġa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija, b’mod speċjali l-Quddiesa. Interessanti hi din l-osservazzjoni ta’ Gerard Frachet dwar il-ħeġġa tal-ewwel patrijiet:

 

Wara l-matutuin ftit minnhom kienu jmorru jistudjaw, wisq ftit kienu jmorru jimteddu, u tassew ftit kienu dawk li ma jqerrux qabel iqaddsu. Mas-sebħ kienet tindaqq il-qanpiena għall-quddies; imbagħad kull saċerdot kien ikollu ħafna min irid jgħinu, u kien ikun hemm pika qaddisa bejniethom min minnhom jgħin is-saċerdot f’ministeru hekk qaddis.[3]

 

Dan narawh imfisser tajjeb kemm fit-teoloġija, imma forsi aktar minn hekk, fl-innijiet ewkaristiċi li niseġ San Tumas t’Aquino li fihom għaqqad il-ħsieb profond tiegħu bħala teologu mal-fidi qawwija u sempliċi li hija mitluba minn kull Nisrani, bħalma tixhed l-ewwel strofa tal-innu Adoro te devote:

Jien nadurak bil-qima, Alla li tinsab,
moħbi hawn quddiemi, taħt dawn ix-xbihat.
Lilek qalbi kollha; hawn f’riġlejk nagħtik;
meta naħseb fuqek, ħsiebi nitlef fik.[4]

 

Ilkoll nafu li kien hu li fassal l-uffiċċju liturġiku kollu tas-solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi) imwaqqfa mill-papa Urbanu IV fl-1246. Ta’ min iqis hawnhekk il-fatt li f’dawk iż-żminijiet l-Ewkaristija ma kinitx tinżamm fit-tabernakli. Għalhekk il-qima lejn dan is-sagrament kien magħqud mas-sagrifiċċju tal-quddiesa, kif ukoll mat-tħejjija ta’ qabel u r-radd ta’ ħajr ta’ wara.

Dan kollu narawh imtenni fl-Ittra tal-Promulgazzjoni tal-Missal u l-Lezzjonarju O.P. maħruġa mill-Majjistru Ġenerali fr. Vinċenz De Cuesnongle nhar il-15 t’Awwissu 1983:

 

San Duminku, bil-mod kif kien iqaddes, u San Tumas ta’ Aquino, bit-tħabrik tiegħu biex jikteb l-Uffiċċju tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu, tawna eżempji li jħeġġuna nfittxu mezzi u ġesti simboliċi li bihom nuru l-fidi u l-qima tagħna quddiem il-kobor ta’ misteru hekk għoli.

Il-ħidma missjunarja, li tant minn ħutna rġiel u nisa għamlu u għadhom jagħmlu, tgħallimna li x-xandir u l-evanġelizzazzjoni tas-Saltna ta’ Alla u l-ħidma għall-progress tal-bniedem iġagħluna ngħixu ħajja ta’ tifħir u radd il-ħajr ’l Alla għall-ħolqien u l-fidwa. L-eżempji tagħhom jgħallmuna wkoll li l-ħobż ħaj mogħti lilna minn Kristu jistenna li dan l-istess ħobż jitqassam lill-bnedmin kollha.

Fl-aħħar nett, id-drawwa tagħna li ninġabru waħedna fit-talb, kif jixtiquna l-Kostituzzjonijiet u t-tradizzjoni tagħna, issib l-aħjar għajxien tagħha fir-radd ta’ ħajr li jitnissel miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u l-iżjed mit-Tqarbin.[5]

 

Madankollu wieħed irid isemmi wkoll il-Liturġija tas-Sigħat. Fix-xhieda li ta Fra Ventura ta’ Verona waqt il-proċess tal-kanonizzazzjoni ta’ San Duminku f’Bologna nsibu li l-Qaddis kull meta kien ikun barra mill-kunvent, meta kien jisma’ minn xi monasteru l-ewwel tokki tal-Matutin, huwa kien iqum u flimkien ma’ sħabu kien jirreċita l-Uffiċċju Divin kollu. Anki waqt xi vjaġġ, wara l-Kompieta kemm hu kif ukoll sħabu kienu josservaw is-skiet bħallikieku kienu fil-kunvent, u dan sat-Terza.[6]

Minħabba f’hekk, bħalma tistqarr l-Ittra tal-Promulgazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, “il-Knisja u l-Ordni jfaħħru ’l Alla u jxandru l-kelma tiegħu, u għalhekk bejn it-talba tal-Knisja u l-missjoni tal-Predikaturi hemm rabta kbira.”[7]

 

[1] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 105.

[2] Ġw 20:28.

[3] Ġerard Frachet O.P., Vitae Fratrum, ir-Raba’ Taqsima, Kapitlu I, n. 172-III.

[4] Biżżejjed wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn l-innijiet l-oħra ewkaristiċi bħal-Lauda Sion Salvatorem, Pange Lingua, u Tantum Ergo. Dwar it-teoloġija wieħed jista’ jara s-Summa Theologica III, q. 83.

[5] Vinċenz De Couesnongle, Ittra tal-Promulgazzjoni (1983) tal-Proprju tal-Ordni tal-Predikaturi: Missal Dumnikan, Provinċja Dumnikana ta’ San Piju V, Malta 1995, n. 19, pp. xi-xii.

[6] Xhieda ta’ Fra Bonaventura ta’ Verona, Proċess tal-Kanonizzazzjoni f’Bologna, n. 3.

[7] Vinċenz De Couesnongle, Ittra tal-Promulgazzjoni (1980) tal-Proprju tal-Ordni tal-Predikaturi: Liturġija tas-Sigħat-Proprju tal-Qaddisin, Provinċja Dumnikana Maltija, Malta 1988, n. 3, pp. v-vi.

L-Ewkaristija u c-Ċelebrazzjoni tal-Liturġija: About Us
bottom of page