INTRODUZZJONI
Spiritwalità Kristoċentrika
L-ispiritwalità li ħaddan u għex San Duminku kienet l-ewwel u qabel kollox waħda Kristoċentrika li minnha mbagħad joħroġ l-element Marjan. U dan narawh mill-qima li kellu lejn Kristu msallab u lejn Kristu preżenti fl-Ewkaristija. Nistgħu għalhekk nikkunsidraw il-ħajja spiritwali ta’ San Duminku taħt tliet aspetti: (1) Qima lejn Kristu Msallab; (2) Ħajja Ewkaristika; (3) Skrittura. Dawn jidħlu perfettament fil-ħajja tiegħu bħala predikatur kif ukoll f’dik tal-Ordni li huwa waqqaf, u huma miġbura u mfissra b’mod mill-isbaħ minn Santa Katarina ta’ Siena:
U jekk tħares lejn id-dgħajsa ta’ ibni l-għażiż, Duminku missierek, tara l-ordni perfett li qiegħed fiha għax ried li wliedu jfittxu biss il-ġieħ tiegħi u s-salvazzjoni tal-erwieħ bid-dawl tal-għerf…
Huwa daħal għax-xogħol tal-Verb, Ibni l-waħdieni, hekk li d-dinja rat ċar li kien appostlu, għax xerred iż-żerriegħa tal-kelma tiegħi b’verità kbira u dawl liema bħalu, u b’hekk qered id-dlamijiet u wera d-dawl lil kulħadd. Kien dawl mogħti minni lid-dinja permezz ta’ Marija, u bgħattu fil-ġisem mistiku tal-Knisja mqaddsa biex jeqred l-ereżiji. Għaliex ‘permezz ta’ Marija’? Għax Marija tatu l-libsa tal-Ordni, kif fit-tjieba tiegħi qabbadtha tagħmel. Fuq liema mejda ħejja l-ikel tad-dawl u tal-għerf għal uliedu? Fuq il-mejda tas-salib. Fuq is-salib tqiegħdet il-mejda għal dawk li b’xewqa qaddisa jridu jitgħajxu bl-erwieħ għall-ġieħ tiegħi. Huwa ried li wliedu ma jfittxux ħaġa oħra ħlief li joqogħdu f’din il-mejda bid-dawl tal-għerf u jħabirku biss għall-glorja u t-tifħir ta’ ismi u għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Id-Djalogu jissokta jistqarr li San Duminku “ried li fid-dgħajsa tiegħu jkun hemm il-wisa’, imlieha bil-ferħ u b’riħa tfuħ, u għamilha ġnien li jgħaxxaq”.[1] Din is-silta turi kif San Duminku ried ifassal Ordni li fih kull membru seta’ jasal għal Kristu bil-mod tiegħu jew tagħha. Fih isibu dar intellettwali bħal Sant’Albert il-Kbir u San Tumas t’Aquino, artisti bħall-Beatu Anġeliku u Bartilmew ta’ Modena, mistiċi bħal Santa Katarina ta’ Siena u Santa Roża ta’ Lima (biex ma nsemmix ukoll il-mistiċi tar-Renanja), kif ukoll koki u purtinara bħal San Martin de Porres u San Ġwann Macias.
[1] Santa Katarina ta’ Siena, Id-Djalogu (traduzzjoni ta’ Val. V. Barbara), Pubblikazzjonijiet Dumnikani, Malta 1996, pp. 361-362, kapitlu 158.