top of page
Writer's pictureEditor

Il-KAPITLU ĠENERALI TULTENANGO 2022

Updated: Apr 12, 2023

minn P. Joseph Ellul OP



Il-Kapitlu Ġenerali li sar ġewwa Tultenango fil-Messiku kien l-ewwel wieħed li ġie ċelebrat wara dak elettiv li sar ġewwa l-Vjetnam. Diġà qabel il-ftuħ bosta kienu dawk l-Aħwa (fosthom jien) li diġà kienu waslu u ġew akkomodati għal xi jiem fl-Istudentat tal-Provinċja ġewwa l-Belt tal-Messiku. Nhar l-14 ta’ Lulju waranofsinhar tlaqna bil-pullmann lejn Tultenango, belt ċkejkna li tinsab madwar 160 kilometru ’l bogħod mill-kapitali. Il-vjaġġ ħa madwar tliet sigħat.

Nhar is-Sibt 16 Lulju fl-10:15am bdiet is-sessjoni introduttiva tal-Kapitlu.


Fr Hector Reyes, is-Segretarju tal-Kapitlu, tana l-ewwel istruzzjonijiet dwar kif sa naħdmu. Wara l-Majjistru għamel introduzzjoni qasira u talba lill-Ispirtu s-Santu. Imbagħad bdejna nintroduċu ruħna wieħed wieħed (isem u provinċja).


Għalija personalment dan il-Kapitlu kien...okkażjoni fejn stajt nagħraf aktar is-sens ta’ fraternità u qsim ta’ ideat kollha magħmula b’viżjoni lejn il-ġejjieni tal-Ordni tagħna.

Wara Fr Hector ippreżenta x-xogħol tal-Kapitlu. Il-bniedem qiegħed ifittex tifsira għal ħajtu. Tifsira tal-eżistenza tiegħu. San Pawl jgħidilna li Kristu jagħtina t-tweġiba ta’ dak li jagħti tifsira lil ħajjitna. San Duminku għex din l-esperjenza u issa huwa d-dmir tagħna li nħaddmu din il-kariżma fil-komunitajiet u fis-soċjetà tagħna. Huwa fisser il-ħidma ta’ diversi membri tal-provinċja tal-Messiku u l-iskop tad-dar tal-irtiri fejn qed niltagħu. Wara tana xi istruzzjonijiet dwar kif sa nipproċedu fil-kummissjonijiet u dwar il-mod kif sa ssir kull votazzjoni.


Barra Il-Kummissjonijiet tal-Kapitlu hemm Kummissjonijiet oħra biex jikkordinaw il-ħidma ta’ kuljum tal-Kapitlu huma 6 u l-membri tagħhom kellhom jiġu mxandra fuq is-sit tal-Kapitlu via e-mail:

  1. Komunikazzjoni

  2. Liturġija

  3. Rikreazzjoni u Animazzjoni

  4. Ekonomija

  5. Koordinazzjoni tal-Familja Dumnikana

  6. Koordinazzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvern mistiedna biex iżuruna.

Issa kien imiss il-Majjistru tal-Ordni Fra Gerard Francisco Timoner III li jitkellem u jagħti rapport dettaljat tal-qagħda tal-Ordni madwar id-dinja, kif ukoll dwar id-direzzjoni li għandha tieħu l-missjoni tagħna. Ġew ukoll approvati unanimament żewġ aħwa biex iservu bħala attwarji tul il-Kapitlu kollu.


Wara ġew mxandra l-Kummissjonijiet proprji tal-Kapitlu u min sa jmexxihom.

  1. Predikazzjoni: Missjoni lill-kulturi tagħna

  2. Komunjoni u Missjoni

  3. Is-Sejħa għall-Missjoni

  4. Il-Missjoni tal-Istudju

  5. Riżorsi għall-Missjoni – Ekonomija

  6. Strutturi għall-Missjoni LCO.

Dawn ukoll ġew approvati unanimament. Għas-sessjonijiet plenarji ġew proposti tlett Moderaturi u dawn ukoll ġew approvati unanimament. Ġie maħtur ukoll Steering Committee li jikkonsisti mill-Presidenti tal-Kummissjonijiet, Moderaturi, Segretarju tal-Kapitlu u l-Majjistru biex jiddiskutu l-proċedimenti tal-Kapitlu huwa u għaddej.


Jiena ntgħażilt biex nieħu sehem fil-Kummissjoni dwar il-Missjoni fl-Istudju.



Waranofsinhar kellna diskors mingħand il-Prof.ssa Maria Luisa Aspe Armella fuq it-tema: EL VER DE LA REALIDAD ACTUAL: EL CAMBIO CULTURAL.


Hija tatna stampa ċarissima tal-qagħda soċjali mad-dinja kollha u l-isfidi li għandu quddiemu l-Ordni biex jaffronta l-isfidi tas-soċjetà illum u fil-ġejjieni.


Nhar il-Ħadd, 17 ta’ Lulju kien iddedikat kollu lill-Familja Dumnikana fil-Messiku. Kienet ġurnata mill-isbaħ u mimlija ferħ. Il-kongregazzjonijiet tas-sorijiet tal-ħajja kontemplattiva u dawk tal-ħajja attiva għamlu preżentazzjoni tal-ħajja u l-ħidma tagħhom; wara għamlu l-istess il-gruppi tal-Lajċi Dumnikani u dawk tal-Ġustizzja u Paċi. Wara kien hemm quddiesa mmexxija mill-Majjistru fejn saħaq fuq it-tama li għandna jkollna f’Alla u f’Missierna San Duminku.


Kien mument sabiħ l-offertorju fejn ġew ippreżentati bosta prodotti magħmula fil-Messiku, kemm oġġetti artiġjanali kif ukoll ikel u ħwejjeġ. Wara l-quddiesa kellna ikla flimkien. Hemmhekk wieħed seta’ jara l-ferħ li hemm fil-qalb ta’ dan il-poplu kif ukoll is-sempliċità tal-fidi tiegħu. Kien hemm ukoll daqq u żfin tradizzjonali li kompla żewwaq dawn is-sigħat ta’ fraternità.


Nhar it-Tnejn 18 ta’ Lulju bdejna s-sessjoni plenarja bil-qari tar-Relatio tal-Majjistru u tas-Sindku tal-Ordni. Il-bqija tal-ġurnata qattajnieha f’diskussjoni fi gruppi lingwistiċi dwar dan ir-Rapport. Filgħaxija r-relaturi tal-gruppi ppreżentaw f’sessjoni plenarja r-riżultat tad-diskussjonijiet li saru.


Nhar l-20 ta’ Lulju waqt is-sessjoni plenarja kellimna s-Sindku tal-Ordni Juan Luis Mediavilla Garcia fejn tana stampa ċara tal-qagħda finanzjarja tal-Ordni u tal-Kurja kif ukoll il-mod kif jitqassmu il-fondi, l-aktar għall-provinċji foqra tal-Ordni. Huwa għamel appell lill-provinċji biex ikun hemm trasparenza fil-kontijiet u fir-rapporti finanzjarji li jibagħtu, ħaġa li fil-provinċja tagħna qed issir.



Fil-Kummissjoni tagħna kien hemm xogħol serju għaddej. Kull meta kien ikun hemm xi ħaġa partikulari, li fiha jkun hemm bżonn ta' kjarifika mingħand xi uffiċċjal tal-Ordni, dan ġie mistieden biex jiġi jkellimna. Per eżempju, ġie jkellimna s-Sindku tal-Ordni dwar il-fond Spem Miram, l-aktar fejn jolqot boroż ta' studju. Kellimna wkoll Pablo Sicouly, l-Assistent għall-Ħajja Intellettwali. barra minn hekk tkellimna wkoll mal-Ecole Biblique u mar-Rettur tal-Angelicum.

Bħalma wieħed jista jara, il-ħidma tal-Kummissjoni hija waħda serja u responsabbli għall-aħħar.


Nhar it-23 ta’ Lulju kellna sessjoni plenarja fejn iddiskutejna x-xogħol preliminari ta' tliet kummissjonijiet:

  1. Missjoni fl-Istudju;

  2. Vokazzjonijiet u Formazzjoni;

  3. LCO.

Kien hemm dibattitu sabiħ u ekwilibrat u kulħadd ħareġ sodisfatt. Filgħaxija ċċelebrajna Jum l-Indipendenza tal-Messiku. Kellna video dwar l-istorja tal-indipendenza tal-pajjiż. Wara kellna ċena fejn ġiet iddoqq banda Messikana. Wieħed jimmaġina xi kwiet kien hemm. Imma ħadna gost immens. Wara kien hemm reċta taċ-ċerimonja tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza, il-famuża “Campana del Grito.”


Nhar id-29 ta’ Lulju kellna magħna għal ftit jiem il-Vigarju Appostoliku ta’ Puerto Maldonado (Perù), l-isqof Dumnikan David Martínez de Aguirre Guinea. Dan il-Vigarjat jinsab fit-territorju Peruvjan tar-reġjun tal-Amazonja. Huwa tana stampa ċara tal-qagħda mwiegħra, li jinsabu fiha l-indiġeni ta’ dawk in-naħiet u l-pjan pastorali li hemm maħsub għaliha fid-dawl tal-Eżortazzjoni Appostolika Querida Amazonia.


Nhar is-Sibt 30 ta’ Lulju fin-12.30pm lkoll ħadna sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-professjoni sempliċi ta tmien novizzi Dumnikani. Huma għamlu l-wegħdiet tagħhom f’riġlejn il-Majjistru tal-Ordni. Preżenti wkoll kien hemm bosta qraba u ħbieb tal-professi ġodda kif ukoll membri tal-Familja Dumnikana. Dakinhar filgħodu spiċċajna x-xogħol kollu tal-Kummissjonijiet. Issa kien imiss l-approvazzjoni tad-dokumenti finali mill-Plenarja u din kellha tieħu sas-6 t’Awwissu. Matul dawn il-jiem, sew filgħodu kif ukoll filgħaxija, kull dokument kien moqri paragrafu wara l-ieħor mill-President jew mis-Segretarju tal-Kummissjoni u wara dibattitu, fejn kellhom iwieġbu għal suġġerimenti jew oġġezzjonijiet dwar testi partikulari, kien isir il-vot. Hawnhekk ukoll wieħed seta’ jammira s-serjetà mhux biss tal-membri tal-Kummissjonijiet li fasslu d-dokumenti finali, iżda wkoll tal-kritika oġġettiva li biha ġew ittrattati waqt il-Plenarja.


Nhar il-Ħadd 31 ta’ Lulju bosta minna morna bil-pullman lejn il-belt ta’ Quéretaro fejn ġejna milqugħa fil-kunvent tagħna minn bosta lajċi dumnikani, li laqgħuna b’ferħ u bi ħlewwa kbira. Saret quddiesa konċelebrata mmexxija mill-isqof David Martínez de Aguirre Guinea u wara ikla fil-kjostru tal-kunvent. Fis-sigħat ta’ wara kellna l-okkażjoni li nduru madwar il-belt u nżuru diversi postijiet u knejjes storiċi.


Il-Kapitlu Ġenerali ntemm nhar it-8 t’Awwissu, Solennità ta’ Missierna San Duminku b’quddiesa konċelebrata mmexxija mill-Majjistru tal-Ordni fil-Bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe ġewwa l-Belt tal-Messiku.


Għalija personalment dan il-Kapitlu kien esperjenza unika kemm għaliex qatt ma kont ħadt sehem f’Kapitlu Ġenerali kif ukoll għax qatt ma żort il-Messiku. Kienet okkażjoni fejn stajt nagħraf aktar is-sens ta’ fraternità u qsim ta’ ideat kollha magħmula b’viżjoni lejn il-ġejjieni tal-Ordni tagħna. Il-Liturġija kellha sehem ċentrali fil-ħidma tagħna. Kienet dejjem waħda organiżżata b’mod serju u dinjituż mill-gruppi lingwistiċi ewlenin tal-Ordni (Ingliż, Franċiż, u Spanjol). Il-Provinċja Dumnikana ta’ Santiago del Mexico għamlet minn kollox biex il-qagħda tagħna tul dawk il-jiem tkun waħda sabiħa u armonjuża.


Recent Posts

See All

Kommentare


Post: Blog2_Post
bottom of page