F'din is-sena li timmarka l-450 sena mill-mewt tal-Papa San Piju V, patrun tal-Provinċja Dumnikana Maltija, u benefattur tal-Belt Kapitali tal-gżejjer tagħna qegħdin inġibu din il-kitba inedita ta' P. Filipp Mallia OP, fl-okkażjoni tal-Festa ta' San Piju, dwar ir-rabta tal-Papa Dumnikan mad-Dumnikani f'Malta.
Il-bini tal-Belt Valletta
L-assedju ta’ Malta tal-1565, ċertament kabbar u sebbaħ mhux ftit il-ġieħ tal-gżejjer tagħna, imma, fl-istess ħin, għamel ħerba sħiħa mis-swar li kienu jħarsuha. Il-qalbieni Gran Mastru Jean Parisot de la Valette [1], mixgħuf minn dak li seta’ ġara s-sena ta’ qabel lill-Kavallieri u lill-poplu Malti fl-assedju tat-Torok, bi ftehim mal-kbarat tal-Ordni, qata’ li jibni belt ġdida mħarsa tajjeb bi swar, fortizzi u torrijiet, biex tkun tista’ tegħleb u xxejjen il-ħbit tat-Torok. Il-Gran Mastru ried li dil-belt tinbena fuq il-peniżola li tifred il-Port il-Kbir minn dak ta’ Marsamxett. Kif kiteb tajjeb il-Profs. P. Andrew Vella O.P. fil-ktieb maġistrali tiegħu Storja ta’ Malta:
sa dik il-ħabta, fuq dan l-ilsien art li jiġi fit-tramuntana tal-gżira bejn il-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett, ma kienx hemm ħlief Sant’Iermu, il-fortizza li fuqha xxerred gelgul ta’ demm. Kienet art ideali, li minħabba l-qagħda strateġika, l-ibħra fondi minn kull ġenb, blat għoli fit-truf u ż-żidiet ta’ swar għoljin setgħet issir il-muftieħ għad-difiża ta’ Malta. Intlaqa’ għalhekk il-ħsieb li l-belt kellha tinfirex fil-wisa’ kollha, mill-Ponta Xebb-ir-Ras, sa Dawl il-Ponta fuq Xagħriet Newwija jew Mewwija.[2]
La Valette, fl-24 ta’ Frar 1566, għarraf lill-Papa S. Piju V bil-proġett tiegħu. Il-Papa, fit-22 ta’ Marzu tal-istess sena, mhux biss faħħar u bierek il-proġett ta’ La Valette, imma wegħdu wkoll kull għajnuna, u bagħatlu l-aqwa Inġinier tiegħu, Francesco Laparelli minn Cortona, biex iħejjilu l-pjanti u jmexxi x-xogħol.[3] Il-Gran Mastru, min-naħa tiegħu, għażel lill-Inġinier Malti Ġlormu Cassar, flimkien mal-aħwa Bartolomeo u Baldassare Genga, biex jistudjaw bir-reqqa l-proġett ta’ Laparelli u jgħinuh fix-xogħol tal-bini.
Waqt il-bini tal-belt, li aktar tard kellha ġġib il-Gran Mastru La Valette, il-Patrijiet Dumnikani kienu jaqsmu l-port mill-kunvent tal-Birgu biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-eluf ta’ ħaddiema li kienu qed jibnu s-swar. Meta s-suċċessur ta' La Valette, Fra Pietro del Monte, fl-1569, beda jqassam l-art għall-bini tad-djar, il-pirjol tal-Birgu, P. Damian Taliana O.P. talab lill-Gran Mastru jagħtih biċċa art li fuqa seta' jibni knisja u kunvent xieraq. Il-Gran Mastru laqa’ bil-ferħ it-talba tiegħu u tah art ħielsa minn kull piż.[4]
Il-Patrijiet ma tilfux ħin; bdew billi bnew dar żgħira u kappella ddedikata lill-Madonna tal- Portu Salvu, titlu ġdid għal Malta li żgur kien impurtat minn Sqallija fejn hemm ħafna knejjes li jħaddnu dan l-isem. Fi ftit żmien il-knisja saret popolari ma' bosta ħaddiema tax-xtut u l-ibħra. Darba minnhom, kaptan ta’ waħda mill-galeri tal-Ordni, Fra Mathurin d’Aulx de Lescout, imsejjaħ Romegas, offra lill-Patrijiet Dumnikani ħamsin skud li kien ġabar minn għand il-baħrin tal-galera tiegħu biex issir quddiesa f’ġieħ il-Madonna tal-Portu Salvu, u sabiex ikun hemm żewġ oqbra riservati għalihom fil-knisja li kienu qed jibnu l-Patrijiet. Barra minn hekk, l-istess Romegas offra ħamsin skud ieħor bħala kontribut personali għall-bini tal-korsija ewlenija.[5]
Il-ħidma ma taqta' xejn ta' Patri Taliana wasslet sabiex wara inqas minn sentejn, huwa kiseb ukoll Bolla Appostolika datata 2 ta’ Lulju 1571 mingħand il-Papa Piju V, Papa Dumnikan, li inċidentalment kien ukoll ta kontribut kbir għall-bini tal-belt il-ġdida. F'din il-bolla jingħad:
Il-knisja hawn fuq imsemmija, li kienet qed tinbena f’ġieħ il-Glorjuża Verġni Marija magħrufa taħt it-titlu popolari ‘Del Porto Salvo’, minħabba n-numru kbir ta’ baħrin li jmorru fil-kappella tagħhom. ... u fl-istess ħin, billi nixtiequ nagħtu ħsieb il-ġid spiritwali ta’ dawk kollha li jgħixu fl-istess belt ġdida, mill-ewwel inwaqqfu u nxandru l-imsemmija knisja bħala parroċċa ewlenija tal-belt il-ġdida kollha u ta’ kull min jgħix fiha kemm Maltin kif ukoll barranin.”[6]
Fl-istess waqt, huwa ta wkoll indulġenza ta’ seba’ snin u seba’ kwarantini lil dawk kollha li jżuru l-knisja f’jum il-festa tagħha li, f’dawk il-jiem, kienet tiġi ċċelebrata fil-bidu ta’ Settembru.
Il-Kanonizzazzjoni tal-B. Papa Piju V fl-1712
Il-Papa Klement XI, nhar il-Festa tat-Trinità Mqaddsa tal-1712, li dik is-sena ġiet fit-22 ta’ Mejju, ikkanonizza solennement lill-Papa Dumnikan, il-Beatu Piju V, li, bħala reliġjuż, kien jismu Fra Michele Ghislieri. L-Ordni Dumnikan feraħ mhux ftit għall-ġieħ kbir li l-knisja tat lil dan il-Papa glorjuż li għamel tant ġid lill-Knisja. Imma wisq iktar ferħu l-patrijiet tal-Belt Valletta, u l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Piju V kien benefattur kbir, kemm tal-patrijiet, u kemm tal-Kavallieri; kien hu li, mhux biss ried u ħeġġeġ lill-Prinċpijiet Insara biex jgħinu lill-Gran Mastru La Valette biex jibni l-Belt il-ġdida, imma kien hu wkoll li, fit-2 ta’ Lulju 1571, iddikjara l-knisja tal-Portu Salvu, li kienet għadha kemm bdiet tinbena, Parroċċa u Matriċi Ewlenija tal-Belt kollha, u hedded bl-akbar pwieni lil kull min jazzarda jfixkilha. Kien, għalhekk, jixraq li, kemm il-patrijiet tal-Belt, u kemm il-Kavallieri, jiċċelebraw sewwa dil-ġrajja glorjuża. Ftehmu li jiċċelebrawha flimkien, Ħadd fuq il-festa tal-Madonna tar-Rużarju.
Piju V kien benefattur kbir, kemm tal-patrijiet, u kemm tal-Kavallieri; kien hu li, mhux biss ried u ħeġġeġ lill-Prinċpijiet Insara biex jgħinu lill-Gran Mastru La Valette biex jibni l-Belt il-ġdida, imma kien hu wkoll li, fit-2 ta’ Lulju 1571, iddikjara l-knisja tal-Portu Salvu, li kienet għadha kemm bdiet tinbena, Parroċċa u Matriċi Ewlenija tal-Belt kollha.
Fis-sajf ta’ dik is-sena, il-Pirjol ħareġ arbural għall-ġbir, biex jitħallsu l-ispejjeż. Il-ġbir laħħaq 80 uqija, 11 irbajja u 10 ħabbiet. Fost il-benefatturi, l-ewwel ma nsibu huwa isem il-Gran Mastru Perellos, li offra 24 uqija; u wara, isem l-ogħla Dinjitarji tal-Ordni ta’ San Ġwann, fosthom, il-Gran Kanċillier Fra Emmanuele Pinto, li wara sar hu wkoll Gran Mastru, il-Gran Prijur, il-Viċiprijur, Prijuri, Gran Kruċi, Balliji, Kommendaturi, Kavallieri, u Kappillan Konventwali tal-Ordni.[7] Il-Fratellanza tas-Ss.mu Sagrament offriet 4 ewieq, u dik tas-Ss.mu Rużarju 6 ewieq oħra.[8] Għall-okkażjoni, il-knisja ntramat kollha bid-damask li l-patrijiet issellfu mill-knisja tal-Ġiżwiti u mingħand il-Fratelli tal-Kurċifiss tal-Knisja ta’ Ġiezu tal-Belt. Fil-korsija tal-knisja tqegħdu 8 kwadri kbar, impittra b’xi ġrajjiet mill-ħajja tal-Qaddis il-ġdid. L-istess pittur għamel ukoll bandalora mdaqqsa, li fiha pinġa l-figura ta’ San Piju V fil-glorja tas-sema mdawwar bl-anġli.
Il-festa bdiet b’Ottavarju ta’ tħejjija. Kull filgħaxija kien ikun hemm prietka fuq xi virtù tal-Qaddis. Iż-żewġ Għosrien ta’ lejliet u nhar il-festa, kif ukoll il-quddiesa solenni, saru bil-mużika. Il-patrijiet riedu li l-festa tintemm b’Purċissjoni Ġenerali mat-triqat ewlenin tal-Belt, li fiha kellhom jieħdu sehem il-komunitajiet reliġjużi kollha tal-Belt, il-fratellanzi kollha tal-Belt, u l-Ven.da Assemblea tal-Kappillani Konventwali tal-Ordni, flimkien mal-Ġerarkija tal-Ordni, u l-Gran Mastru. Għal dan l-iskop, dawk il-ġranet, il-Pirjol P. Giacinto Guerrera O.P., flimkien ma’ P. Ġlormu Leocata O.P., marru l-Palazz tal-Isqof, għand il-Vigarju Kapitulari ‘sede vacante’, il-Kanonku Dun ĠanFranġisk Mangion, biex jitolbuh il-permess. Il-Vigarju, bil-pjaċir kollu, tahom il-permess li talbuh.[9]
Għal din il-purċissjoni, il-patrijiet ħejjew vara tal-Qaddis il-ġdid, kif bosta drabi kienu jagħmlu dak iż-żmien, bir-ras u l-idejn tal-kartapesta, u l-bqija trajbu mlibbes ilbies tal-ħarir, b’kappa tal-imbrukkat. F’rasu libbsuh trirenju indurat. L-istatwa kienet xogħol ċertu Stefani. Matul il-festa, sparaw ħafna maskli u, fl-aħħar, taw ġigġifogu sabiħ.[10]
Il-Kavallieri ħallewlna deskrizzjoni eżatta tas-sehem li ħadu fil-festa. Nista’ ngħid li, fil-fatt, għamluha huma. Fil-ktieb li jitkellem minn xi funzjonijiet solenni u straodinarji tagħhom, ħallew miktub hekk:
Dakinhar tal-festa, għal xi d-disgħa ta’ filgħodu, saret quddiesa solenni, fil-Knisja Parrokkjali, immexxija mill-W.R.Viċipirjol tal-Knisja Konventwali Fra Ġakbu Seignoret, assistit mill-Kappillani Konventwali u l-kleru tal-Knisja Konventwali, waqt li ċ-Ċerimonjier tal-istess Knisja Konventwali għamilha ta’ presbyter assistens. Għall-kantata kienu preżenti l-istess Gran Mastru (Perellos), il-Gran Prijur, il-Gran Kruċi u l-Kavallieri tal-Ordni Konventwali. Dakinhar stess, wara li ngħad l-Għasar u l-Kompjeta, fil-Knisja Konventwali, il-Patrijiet Predikaturi, flimkien mal-Fratellanzi tagħhom tas-Sagrament u tar-Rużarju, telgħu b’purċissjoni lejn San Ġwann, u reġgħu niżlu flimkien mal-Ven.da Assemblea għall-Knisja Parrokkjali. Hawnhekk, x’ħin wasal il-Gran Mastru u ħa postu fuq it-Tron tiegħu fin-naħa tal-Vanġelu, l-imsemmi Viċipirjol intona l-Għasar li ġie kantat bil-mużika. Malli ntemm il-kant tal-Għasar, ħarġet il-purċissjoni mat-triqat ewlenin tal-Belt, immexxija mill-istess Viċipirjol, li żamm ir-relikwja ta’ San Piju, waqt id-daqq tal-qniepen kollha ta’ San Ġwann u tal-knejjes l-oħra tal-Belt. Fil-purċissjoni, mal-komunitajiet u l-fratellanzi kollha tal-Belt, ħadu sehem ukoll, il-Gran Mastru, il-Gran Prijur, il-Gran Kruċi, l-Ordni Konventwali bi ħġaru, u folla kbira ta’ nies, kulħadd bix-xemgħa tiegħu mixgħula f’idejh. Hekk kif il-purċissjoni reġgħet daħlet lura fil-knisja, intqalu t-talbiet tas-soltu. Wara kollox, il-Patrijiet Dumnikani u l-Fratellanzi tagħhom reġgħu wasslu lill-Ven.da Assemblea lura fil-Knisja ta’ San Ġwann.[11]
Wara l-festa, il-patrijiet qegħdu l-vara f’niċċa tal-injam, fuq l-artal tal-Kappella tal-Kurċifiss. Imma fl-1720, il-Pirjol P. Ġlormu Leocata O.P., fil-laqgħa tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru, fisser li, billi l-istatwa ta’ San Piju kienet biss trajbu mlibbes, bir-ras u l-idejn tal-kartapesta, daret għaliha l-kamla, u bdiet nieżla biċċa biċċa. Barra minn hekk, kien ta’ spiss jinħtiġilhom ibiddlulu t-tunika. Għalhekk, ipproponielhom li jneħħu l-istatwa darba għal dejjem minn fuq l-artal u minflokha jerġgħu jqegħdu l-kwadru li kien hemm qabel, b’San Piju, flimkien ma’ San Lawrenz u Santa Margarita, li issa kien qiegħed fis-sagristija. Fis-sagristija, minflok, tqiegħed wieħed mill-aħjar kwadri li kellhom, u li kien qiegħed fir-refettorju. Qalilhom ukoll li b’hekk, il-kappa tal-imbrukkat li kellha l-vara ta’ San Piju fuqha, setgħet tista’ terġa’ tiġi użata fis-solennitajiet, għall-Għosrien u l-Benedizzjoni Sagramentali.[12] Il-patrijiet aċċettaw ilkoll il-proposta tal-Pirjol. Dnub li l-minuta ta’ dan il-Kunsill ma tgħidilniex dan il-kwadru tar-refettorju x’kien jirrapreżenta. Setax kien il-kwadru tal-Ħarba fl-Eġittu?! Il-kwadru ta’ San Piju V tqiegħed mill-ġdid fuq l-artal, f’Novembru tal-1721.[13]
______________________________________________________________ [1]NOTA TAL-EDITUR: Meta kiteb P. Filipp Mallia O.P. kien għad mhemmx wisq diskussjoni kif għandu jinkiteb isem u kunjom il-Gran Mastru li bena l-Belt Valletta. Aħna qed inħalluha kif kitibha P. Mallia.
[2]VELLA, Profs. Andrew O.P. S.Th.M, B.Litt (Oxon), Storja ta’ Malta, Edizzjoni Klabb Kotba Maltin, 1979, vol II, p. 3.
[3]Ibid.op.cit. pp. 3-4. NOTA TAL-EDITUR: Fil-verità Laparelli kien diġà f’Malta fid-29 ta’ Diċembru 1565, wara li l-ambaxxatur tal-Ordni ressaq it-talba tal-Gran Mastru biex jintbagħat perit militari. Il-Papa kien għadu Piju IV. Jidher li l-approvazzjoni tiegħu ingħatat ftit qabel ma l-istess Papa miet fis-26 ta’ Diċembru 1565. Piju V tela’ fuq it-tron ta’ Pietru fis-7 ta’ Jannar 1566.
[4] NAM, R 4/2, Not. Placido Abela, 1567-79, ff 492-493 - 19 aprile 1571: Pro Conventu Ord. Praed. sub titulo S. Mariae Portus Salutis fundato in Civitate Vallettae.
[5] Mikiel Fsadni OP, Id-Dumnikani fil-Belt 1569-1619, Malta 1971, 12.
[6] Pius V. "Ex Debito Pastoralis Ufficii", 2nd July 1571, f'Bullarium Ord. F. Praedicatorum, Rome 1733, Tom. V, 280-282; Archivum - Rome, Vol. XI, 14920.
[7]ADV, Introito temporale e spirituale 1695-1737, f. 250 r; ibid., Miscellania ‘Chiesa’, Introito ed Esito festa S. Pio V in occasione della sua Canonizzazione.
[8]ACR, Libro delle Consulte B, 1695-1733, f. 84 v.
[9]ADV, Atti Capitolari 1713, die XXIX Sept. 1713, f. 16v.
[10]ADV,Miscellania, ‘Chiesa’, Introito ed Esito Festa S. Pio V., ecc.
[11]AOM, MS. 1953. Liber de quampluribus solemnibus functionibus extraordinariis et translationibus Sacrorum Reliquiarum Ss. Etc. Liber III, Cap. II, pp. 11 u 12.
[12]ADV,Lib. Cons. Conv. 1688-1735, f. 121 r.
[13]Ibid. Libro Esito Procuratore 1710-28, f. 45 r.
Comentários