Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Diċembru 2021, lejlet il-Milied, fil-Palazz tal-President tal-Albanija ġo Tirana, saret ċerimonja qasira li matulha l-President tal-Albanija, Ilir Meta, ta l-medalja ta’ Mother Theresa lill-Arċisqof Mons. Ġorġ Frendo O.P. fi tmiem il-missjoni tiegħu bħala Arċisqof ta’ Tirana-Durrës. Dan hu l-unur għoli, ekwivalenti għal Ġieħ ir-Repubblika f’Malta, li permezz tiegħu l-president ried jirringrazzja lill-Arċisqof għall-ħidma siewja tiegħu matul is-snin twal ta’ xogħol pastorali u soċjali f’din l-art Albaniża.
Din il-ħidma bdiet fis-sena li fiha twaqqfet il-missjoni Dumnikana Maltija fl-Albanija, u li matulha flimkien ma’ sħabu d-Dumnikani missjunarji f’din l-art ħabbat wiċċu ma’ żmijiet diffiċli u koroħ tal-Gwerra Ċivili fl-1997, u tal-Gwerra tal-Kosovo fl-1998-99, li magħha ġabet ħafna rifuġjati fl-Albanija. Il-komunità Dumnikana Maltija, immexxija mis-superjur Patri Ġorġ, bl-għajnuna ta’ ħafna benefatturi Maltin, għamlet li setgħet biex tgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, u l-aħwa baqgħu fl-Albanija anke b’periklu għal ħajjithom.
Wara P. Ġorġ ħadem bis-sħiħ fl-ambitu tad-Djoċesi ta’ Tirana-Durrës, bħala Vigarju Ġenerali u mbagħad Isqof Awżiljari u wara Arċisqof. Wara li għalaq il-75 sena talab ir-riżenja mill-ħidma tiegħu, li ġiet milqugħa mill-Papa Franġisku li ħatar bħala suċċessur tiegħu lil Mons. Arjan Dodaj FDC li s’issa kien l-isqof awżijari tiegħu. Iċ-ċelebrazzjoni li timmarka tmiem il-ħidma pastorali ta’ Mons. Frendo f’din l-art Albaniża u l-bidu tal-ħidma ta’ Mons. Arjan bħala Arċisqof ta’ Tirana-Durrës għandha ssir is-Sibt, 22 ta’ Jannar 2022.
Nirringrazzjaw lil Mons Frendo għall-ħidma siewja tiegħu u nawguraw lil Mons. Arjan kull ġid u barka f’din il-missjoni ġdida tiegħu.
Comments