Mons. Pawlu Cremona OP (1946-2025)
- P. Pawl Gatt OP
- Mar 19
- 4 min read

Tħabbret il-mewt ta' Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof Emeritu ta' Malta u eks Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija, li ġrat nhar it-Tlieta 18 ta' Marzu 2025.
Mons. Pawl Cremona twieled il-Belt Valletta nhar il-25 ta’ Jannar 1946 minn Joseph u Josephine née Cauchi.
Fi tfulitu attenda l-iskola primarja tal-Montessori fil-Belt stess, imbagħad, l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo, il-Ħamrun.
F’Settembru tal-1962 hu ngħaqad mal-Ordni Dumnikan fil-Kunvent ta’ Sidtna Marija tal-Għar, ir-Rabat, fejn għamel ukoll l-ewwel professjoni nhar id-29 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara.
Wara l-istudji istituzzjonali tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas, fil-kunvent tar-Rabat, għamel il-professjoni solenni nhar id-29 ta’ Jannar 1967. Ġie ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Marzu 1969 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.
Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali, hu ntbagħat Ruma biex ikompli l-istudji tiegħu fit-Teoloġija Morali fl-Università Pontifiċja S.Tumas t’Akwinu (Angelicum). Fil-fatt fis-sena 1973 hu ħa d-Dottorat fit-Teoloġija bit-teżi The Concept of Peace in Pope John XXIII.
Malli ġie lura Malta mill-ewwel inħatar għalliem tat-Teoloġija Morali fil-Kulleġġ San Tumas. Kien beda jagħti korsijiet ukoll fis-Seminarju ta’ Għawdex. Fl-istess żmien il-komunità Dumnikana tar-Rabat għażlitu bħala l-pirjol tagħha, kariga li okkupa bejn is-snin 1974 u 1980.
Fl-1981 hu ntgħażel bħala Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija. Okkupa dan l-uffiċċju għal darbtejn wara xulxin sal-1989 meta nħatar biex imexxi l-Parroċċa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima fi Gwardamanġa.

Fil-Kapitlu Provinċjali, li kien sar fis-sena 1993, hu ntgħażel bħala surmast tan-novizzi u l-istudenti Dumnikani fir-Rabat, sakemm fl-1997 reġa’ ntgħażel bħala pirjol tal-komunità tar-Rabat sal-2003. Meta temm iż-żmien tal-prijorat tiegħu, reġa’ serva għal sena bħala surmast tan-novizzi u l-istudenti sakemm il-Kapitlu Provinċjali, li kien sar fl-2005, għażlu bħala l-kappillan tal-Parroċċa Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema minn fejn, fit-2 ta Diċembru 2006 ġie nominat biex ikun l-Arċisqof il-ġdid tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-konsagrazzjoni episkopali tiegħu saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta nhar is-26 ta’ Jannar 2007. Il-quddiesa tal-konsagrazzjoni kienet preċeduta miċ-ċelebrazzjoni ta’ għasar solenni fil-Bażilika ta’ San Duminku u l-Portu Salvu tal-Belt Valletta u korteo tul it-toroq ewlenin tal-Belt akkumpanjat miż-żewġ baned tal-Belt Kapitali, mill-Kavallerija tal-Korp tal-Pulizija fi Triq ir-Repubblika u mill-eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin li ħarġu bi ħġarhom biex isellmu lill-arċisqof il-ġdid.

Imdorri jgħix f’komunità, Mons. Cremona xtaq li bħala arċisqof ukoll jgħix flimkien ma’ saċerdoti oħrajn, u għalhekk stieden diversi saċerdoti biex jgħixu fl-istess dar miegħu f’Ħ’Attard.
Kien jagħmel minn kollox biex jiltaqa’ ma’ kulħadd u jagħti ħin lil kulħadd – saħansitra kien jilqa’ n-nies id-dar qabel ma jmur il-Kurja fil-Floriana jew meta jasal lura. Wara xi funzjoni f’xi knisja, ħafna kienu jfittxu li jkellmuh, jieħdu xi ritratt miegħu jew jiffirmalhom fuq xi ktieb u hu ma kien jirrifjuta qatt lil ħadd. Ħafna kienu jfittxuh ukoll biex jgħinhom ekonomikament.
Bix-xewqa tiegħu li jiltaqa’ ma’ kulħadd kien beda wkoll iż-Żjara Pastorali tal-Arċidjoċesi li kien jifrixha tul ġimgħa sħiħa f’kull parroċċa.
Bħala arċisqof ta’ Malta kellu l-privileġġ jilqa’ fl-Arċidjoċesi lill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI (April 2010). Fi żmien l-episkopat tiegħu wkoll ġie kanonizzat l-ewwel qaddis Malti fil-persuna ta’ San Ġorġ Preca (3 ta’ Ġunju 2007).
Kien fi żmien l-episkopat tiegħu wkoll, imma, li ġiet introdotta f’Malta l-liġi favur id-divorzju (2011) – ħaġa li nikktitu ħafna u li bla dubju mmarkat fuq saħħtu.
Fil-fatt, għal raġunijiet ta’ saħħa, sfortunatament, nhar is-17 ta’ Ottubru 2014 kellu jissottometti r-riżenja tiegħu minn arċisqof, liema riżenja ġiet aċċettata mill-Papa Franġisku. Kif kien stqarr hu stess, kien diġà ilu madwar sentejn jaħseb dwar din ir-riżenja.
Qabel ma sar arċisqof, Mons. Cremona kellu diversi ħidmiet oħrajn fl-Arċidjoċesi, fosthom dik ta’ Delegat tal-Arċisqof għall-Ħajja Konsagrata, Assistent Direttur Spiritwali tas-Seminarju tal-Arċidjoċesi, membru tal-Kunsill Presbiterali u president tal-Kunsill tas-Superjur Maġġuri (KSMR).

Fil-Provinċja Dumnikana Maltija wieħed jista’ jgħid li okkupa l-karigi kollha, partikolarment dawk ta’ surmast tan-novizzi u l-istudenti, pirjol, provinċjal, kappillan, kunsillier tal-kunvent u tal-Provinċja. Bħala provinċjal ħabrek ħafna biex ikabbar l-ispirtu ta’ familja, u aktar ħidma flimkien, tat-tliet entitajiet Dumnikani f’pajjiżna: patrijiet, sorijiet u lajċi. Kien strumentali biex fil-gżira Għawdxija, għal xi żmien jitwaqqaf monasteru ta’ ħajja kontemplattiva Dumnikana. Fi żmienu wkoll kien twaqqaf Ċentru ta’ Komunikazzjoni Dumnikana fil-kunvent ta’ Fatima, Gwardamanġa, fejn, minbarra studio għall-produzzjoni ta’ materjal awdjoviżiv, kien twaqqaf uffiċċju għal kull entità Dumnikana. F’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ ta’ San Tumas tar-Rabat, kien beda jorganizza korsijiet ta’ Teoloġija għal-lajċi kif ukoll korsijiet ta’ spiritwalità Dumnikana.

Mons. Cremona jibqa’ magħruf l-iktar, imma, għall-karattru ġentili u onest tiegħu, għall-mod kif kien jirnexxilu jikkomunika ma’ kulħadd, għas-sempliċità u l-umiltà tiegħu, għall-ferħ u l-faraġ li kien kapaċi jwassal, għall-fiduċja li kien juri f’kulħadd, għall-imħabba tiegħu speċjali lejn il-morda u l-imwarrba. Fih kont tara u tħoss tassew il-bniedem ta’ Alla.
Wara li temm il-kariga tiegħu ta’ arċisqof, Mons. Cremona reġa’ lura għall-kunvent li kien tant għal qalbu, jiġifieri dak ta’ S. Marija tal-Għar, ir-Rabat, imma minħabba l-mard deher li kien aħjar jieħu r-residenza tiegħu fid-Dar Christus Sacerdos (id-Dar tal-Kleru) f’Birkirkara.
Hu miet fl-Isptar Mater Dei nhar it-Tlieta 18 ta’ Marzu 2025, ftit minuti biss qabel ma beda l-jum tad-19 ta’ Marzu – festa ta’ S. Ġużepp.
Dettalji tal-Funeral
Il-Ħamis 20 ta' Marzu 2025, fl-4:10pm wasla tal-korteo funebri quddiem il-Bażilika Minuri ta' Sidtna Marija tal-Portu Salvu u ta' San Duminku, il-Belt Valletta. Hawn tingħata tislima mill-Familja Dumnikana.
Wara jsir korteo funebri sal-Konkatidral ta' San Ġwann. Fil-5:00pm jsir Għasar, immexxi mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna. Il-fdalijiet tal-Arċisqof Cremona, imbagħad jibqgħu esposti għall-pubbliku sat-8:30pm.
Fis-7:30pm, il-Familja Dumnikana Maltija hija mistiedna biex tieħu sehem f'rużarju fl-Oratorju tal-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta, madwar il-fdalijiet mortali tal-Arċisqof Pawlu Cremona.
Il-Ġimgħa 21 ta' Marzu l-espożizzjoni tal-fdalijiet ta' Mons. Cremona jkunu esposti mid-9:00am sat-8:30pm fl-Oratorju tal-Konkatidral ta' San Ġwann. Fis-7:30pm, l-Arċisqof Scicluna jitlob ir-rużarju.
Il-funeral presente cadavere isir l-għada nhar is-Sibt 22 ta' Marzu fid-9:30pm fil-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta. Id-difna privata mbagħad issir fil-Knisja ta' Sidtna Marija tal-Għar u San Duminku, ir-Rabat.
Il-funeral qed jiġi kkoridnat bejn il-Knisja u l-Istat.
Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta' dejjem, jistrieħ fis-sliem. Ammen.
Comments