top of page
Writer's pictureEditor

Patri Henri Didon: Dumnikan fl-Għeruq tal‑Olimpjiżmu



L‑istorika tal‑isport, Angela Teja, ippublikat ktieb, bit‑titlu, Padre Henri Didon: Un domenicano alle radici dell’olimpismo (Edizioni AVE, 2024), li fih jitfakkru l‑mumenti l‑aktar importanti fil‑ħajja tad‑Duminikan Franċiż, Henri Didon (1840‑1900), speċjalment dawk li wassluh biex joħroġ il‑motto Olimpiku famuż Citius, Altius, Fortius (aktar ħafif, aktar ’l fuq, aktar qawwi).


Bħala predikatur magħruf ħafna f’Pariġi lejn l‑aħħar kwart tas‑seklu 19, Didon kien ukoll rettur f’diversi istituti edukattivi. Bħala pirjol u kappillan tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir f’Arcueil, liema kariga okkupa sa mill‑1880, P. Didon waqqaf assoċjazzjoni sportiva, fejn introduċa metodi ta’ tagħlim innovattivi, fosthom l‑edukazzjoni fiżika, li kien sar jaf biha fil‑Gran Brittanja.


F’Jannar tal‑1891, iltaqa’ għall‑ewwel darba mal‑baruni Pierre de Coubertin (1863‑1937), il‑fundatur tal‑logħob Olimpiku modern. Il‑ħabiberija tiegħu ma’ de Coubertin hija waħda mill‑aktar fażijiet importanti ta’ dan il‑ktieb għax kien permezz ta’ Coubertin li Didon żviluppa l‑metodu edukattiv tiegħu, ispirat mill‑ideat sportivi tal‑ħabib tiegħu. Stiednu fil‑fatt biex jieħu sehem bħala direttur tal‑logħob, f’avveniment sportiv fir‑rebbiegħa tal‑istess sena, propju fil‑kulleġġ Dumnikan u kien propju f’dik l‑okkażjoni li Pierre de Coubertin iltaqa’ mal‑motto Citius, altius, fortius, meħjuta fuq il‑bnadar tal‑kulleġġ.


Dan il‑motto għoġob ferm lill‑baruni tant li, tliet snin wara, għażlu bħala motto għall‑Kumitat Olimpiku Internazzjonali li kien għadu kif twaqqaf u għall‑Logħob Olimpiku. Dan il‑motto ilu jintuża sa mill‑ewwel edizzjoni tagħhom f’Ateni fl‑1896, f’liema edizzjoni Didon kien iċċelebra l‑quddiesa uffiċjali fil‑knisja ta’ San Dioniġi f’Ateni u għamel omelija mirquma li matula tkellem dwar il‑virtujiet li setgħu joħorġu mill‑prattika tal‑eżerċizzji fiżiku.


Fil‑fatt dan jirrifletti l‑filosofija wara l‑metodu edukattiv ta’ Didon li ma jiffoka fuq xejn ħlief fuq l‑iżvilupp morali u fiżiku tal‑istudenti tiegħu. B’mod partikulari, dan il‑metodu jħares lejn l‑iżvilupp spiritwali li jwassal l‑istudent għall‑iżvilupp tal‑virtujiet f’ħajtu.


Il‑biċċa l‑kbira tal‑fehmiet ta’ Didon huma mfissra fl‑aħħar xogħol tiegħu, ‘L’éducation présente’ (1898), ġabra ta’ diskorsi li ta fl‑aħħar tas‑sena skolastika lill‑istudenti, il‑ġenituri, u l‑awtoritajiet lokali. F’dawn id‑diskorsi nsibu t‑traċċi ta’ dan il‑vjaġġ edukattiv, imfassal minnu, li jirrelata l‑isport mal‑edukazzjoni. Dawn il‑kitbiet isawru l‑argument ta’ dan il‑ktieb, jiġifieri li f’Didon hemm rabta kostanti bejn il‑ħsieb ta’ San Tumas t’Akwinu u l‑Olimpjiżmu li kien qed jitwieled f’dik il‑ħabta. Didon kien konvint li l‑isport jista’ jkun skola vera ta’ virtù għaż‑żgħażagħ fil‑maturità tal‑ħajja tal‑virtù. Din ir‑rabta mfassla minn Didon tintrabat tajjeb ma’ dak li kien qed jitlob il‑Papa Ljun XIII f’dik il‑ħabta, jiġifieri li l‑Knisja, fl‑aħħar tas‑seklu 19, terġa’ lura għall‑istudji Tomistiċi. Didon jagħmel dan iżda b’ħarsa attenta lejn il‑fattur tal‑isport modern.

32 views0 comments

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page