'Agħraf lilek innifsek' (gnothi seauton) kienet kitba minquxa fuq il-ġebel fil-portiku tat-tempju ta’ Delfi fil-Greċja, li jmur lura lejn is-sena 800 QK. Dan it-tempju Grieg kellu ‘l fuq minn mitt dettatura li juru l-għerf taċ-ċiviltà Griega. Li 'tagħraf lilek innifsek' hija l-iktar kitba famuża fosthom kollha għax hija assoċċjata mal-filosofu Sokrate (470-399 QK) u l-istudent tiegħu Platun (427-347 QK) li jsemmiha fid-diversi Djalogi tiegħu.
Sokrate jsostni li ħajja umana mingħajr awtoriflessjoni kritika u introspezzjoni ġenwina ma tagħmilx sens tgħixha. Min-natura tiegħu l-bniedem huwa mxennaq li jsir jaf min hu, minn fejn ġej u fejn sejjer. Il-qawwa intellettwali tal-bniedem timbuttah biex jistaqsi mistoqsijiet tqal biex isir jaf aktar lilu nnifsu. Għalhekk hu meħtieġ li persuna tikkonsidra t-tifsira u l-għan tal-azzjonijiet, tad-deċiżjonijiet u tal-esperjenzi li tgħaddi minnhom matul ħajjitha u b’hekk tkun iktar determinata u responsabbli li tieħu l-ħajja b’approċ iktar sinifikattiv. Li wieħed jifhem lilu nnifsu huwa l-bazi ta’ għajxien awtentiku.
Ix-xjenzi umani wrew li l-bniedem għandu storja interessanti ta’ kif huwa jgħaddi mill-istadji kollha tal-ħajja, mit-tnissil sa għeluq il-ħajja terrestri. L-ewwel benniena tal-bniedem hija l-familja. Fiha jitwieled, jikber u jgħix matul iż-żmien. Il-ġenituri huma l-ewwel skola u edukaturi tat-tfal. It-tisħiħ tal-familja jfisser soċjetà b’saħħitha. Huwa f’dan l-ambjent familjari li l-valuri jiġu mgħoddija liċ-ċittadini t’għada. L-edukazzjoni fl-iskejjel u fl-universitajiet, għandha rwol indispensabbli fil-bini tal-karattru tal-persuna.
Ix-xogħol huwa attività li tgħin lill-bniedem jiżviluppa l-personalità tiegħu. Ix-xogħol m’għandux jitqies biss għal skop ekonomiku imma jrid jgħin lill-persuna tikber fil-kapaċitajiet tagħha anki permezz tas-soċjalizzazzjoni ma’ persuni oħra. Max-xogħol irid jingħaqad ukoll il-mistrieħ biex il-persuna tkun tista’ tirkupra s-saħħa neċessarja ħalli tkompli l-ħidma tagħha. Persuna b’saħħitha trid issib il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ. B’hekk jiġi evitat il-mard li jista’ jħalli konsegwenzi permanenti fuq il-persuna.
Illum il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali saru parti integrali mill-ħajja tal-bniedem. Huma għandhom influwenza kbira fuq il-persuna li trid tkun kapaċi tiddixxerni u tagħżel l-aħjar għal ħajjitha. Ma’ dan jidħol ukoll t-twemmin reliġjuż li jgħin biex fil-ħajja tal-persuna jkun hemm direzzjoni lejn il-ġid tagħha u tal-oħrajn. Dan irid iwassal biex il-ħajja umana tiġi rrispettata mill-bidu sat-tmiem u b’hekk tkun imħarsa d-dinjità tal-bniedem. Meta wieħed iqis kemm il-ħajja umana hija kumplessa u qasira fl-istess ħin, ikun f’waqtu li wieħed dejjem jagħraf jgħix ħajjitu b’responsabbiltà u servizz.
Min irid jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.
Comments