Ġesù Kristu ħalla f’idejn il-Knisja tiegħu biex din toħroġ ixxandar u tgħallem l-Evanġelju lill-ġnus kollha. Hija kellha tagħmel dan bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jdawwal il-bnedmin fil-mixja tagħhom fid-dinja. Matul is-sekli l-Knisja qdiet dan il-mandat afdat lilha u saħħet it-twemmin tagħha permezz tal-konċilji ekumeniċi. B’kollox saru wieħed u għoxrin konċilju ekumeniku li huma mifruxa fuq elfejn sena.
Il-konċilju huwa laqgħa tal-ġemgħa ta’ mexxejja ekkleżjastiċi ġeneralment isqfijiet u tejologi bil-għan li jiddiskutu u jirregolaw ħwejjeġ fejn tidħol id-duttrina u l-ħajja tal-membri mgħammdin tal-Knisja. L-ewwel darba li niltaqgħu mat-terminu ‘konċilju ekumeniku’ huwa fil-kitba tal-istoriku Nisrani Ewsebju ta’ Ċesarija (263-340) li jgħid li dan jikkonsisti f’laqgħa li fih jieħdu sehem l-mexxejja tal-Knisja li huma mxerrda mad-dinja. F’għeluq kull konċilju ekumeniku kienu jiġu mnedija dokumenti duttrinali jew kienu jittieħdu miżuri biex tiġi msaħħa l-Knisja u l-ħidma tagħha fid-dinja.
Filwaqt li l-Knisja Kattolika tirrikonoxxi wieħed u għoxrin konċilju ekumeniku, il-Knisja Ortodossa żżomm l-ewwel sebgħa u fost id-denominazzjonjiet Protestanti, hemm min iżomm l-ewwel sebgħa u oħrajn l-ewwel erbgħa bħala konċilji ekumeniċi. Il-lista sħiħa tal-Konċilji Ekumeniċi skont il-Knisja Kattolika hija kif ġej:
1.Niċea I (325)
2.Konstantinopli I (381)
3.Efesu (431)
4.Kalċedonja (451)
5.Kostantinopli II (553)
6.Kostantinopli III (680)
7.Niċea II (787)
8.Kostantinopli IV (869)
9.Lateran I (1123)
10.Lateran II (1139)
11.Lateran III (1179)
12.Lateran IV (1215)
13.Lyon I (1245)
14.Lyon II (1274)
15.Vienne (1311)
16.Kostanza (1414-1418)
17.Basel-Ferrara-Firenze (1431-1445)
18.Lateran V (1512-1517)
19.Trentu (1545-1563)
20.Vatikan I (1869-70)
21.Vatikan II (1962-65)
Il-konċilji ekumeniċi ħadu l-isem tal-post fejn iltaqgħu l-mexxejja tal-Knisja. Għalkemm l-ewwel konċilji ekumeniċi ġew imsejħa mill-Imperaturi Rumani bħal fil-każ ta’ Niċea I (325) minn Kostantinu l-Kbir, u Kostantinopli I (381) minn Teodosju I, imma fejn kellu x’jaqsam ma’ kwestjonijiet duttrinali, dawn dejjem kienu jiġu deċiżi mill-mexxejja tal-Knisja li kellhom l-awtorità jagħmlu dan. Il-Papa kellu l-awtorità aħħarija li japprova d-digrieti u dak li jkun ġie deċiż f’kull konċilju ekumeniku. Il-konċilji ekumeniċi kienu meħtieġa biex isaħħu l-kommunjoni fil-Knisja kemm fuq livell lokali u anki dak universali. B’hekk il-Knisja setgħet tkompli l-mixja tagħha matul dawn l-elfejn sena ta’ storja u tibqa’ tkun relevanti għall-bniedem ta’ kull żmien. Dan il-Knisja tkompli tagħmlu bil-qawwa divina li tmexxi kollox.
Min irid jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.
Comments