top of page

Riċensjoni: Mistiċi Rġiel Insara, Knisja 2000 nru. 151

Writer: P. Raymond Gatt OPP. Raymond Gatt OP


Il-kultura sekulari tal-lum tippreżentalna sfidi kbar li faċli jfixklu l-ispirtu Nisrani. Dawn l-isfidi nistgħu nelenkawhom kif ġej: (i) ix-xjenza ħadet is-sopravvent fuq kollox fejn tidhol il-verità u x-xettiċiżmu lejn il-Kelma t’Alla u l-fidi; (ii) in-natura narċisista u egoista, fejn il-bniedem joħloq l-immaġni tiegħu nnifsu; (iii) il-gratifikazzjoni sesswali u esibizjonista; (iv) it-teorija tal-ġeneru li ħadet post l-antropoloġija Kristjana; (v) il-vjolenza u l-polarizzazzjoni tas-soċjetà li huma sinjali li juru li din tilfet id-direzzjoni; u (vi) l-imwiet ikkawżati minn mard qalil, drogi, suwiċidji u gwerer. Ma’ dawn inżidu l-eżodu mid-diversi knejjes Kristjani u l-iskandli tal-abbużi tal-kleru li juru l-bżonn ta’ purifikazzjoni fil-Knisja. 

Quddiem dawn l-isfidi kollha, il-bniedem huwa mxennaq fit-tfittxija tiegħu li jkollu direzzjoni ġewwinija lejn it-tifsira spiritwali tal-ħajja umana. Għalhekk huwa meħtieġ li jkollna l-esperjenza u t-tagħlim ta’ dawk li għexu qabilna. It-tradizzjoni spiritwali tal-Knisja jinsab fit-testi klassiċi tal-kittieba mistiċi. Dawn ikopru u jindirizzaw il-ħajja tal-bniedem, jittrattawha fuq livell universali u joffru testimonjanza veritiera li hi rikonoxxuta mill-Knisja. Dan irid iħeġġiġna biex inħarsu 'l quddiem b’fiduċja li ġejja mill-għajxien tal-Evanġelju għax il-Mulej qajjem u għadu jqajjem irgiel u nisa li huma ta’ mudell għalina.

Fit-Tradizzjoni Nisranija, Alla joffri lilu nnifsu lilna lkoll – għax il-ħerqa kbira tal-qalb umana hija għalih. Eżempju ċar ta’ dan huwa Santu Wistin li jikteb: ‘Int għamiltna għalik, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik’ (L-Istqarrijiet I, 1). Aktarx din hi l-iktar frażi famuża li ħareġ biha l-għaref Wistin u li turi t-triq li rridu nterrqu lejn il-Ħallieq Divin.

Ix-xhieda tal-kittieba mistiċi tagħmel tajjeb biex turi fejn hemm in-nuqqas tal-esperjenza interjuri. Dak li hu esterjuri jrid jaqbel ma’ dak li hu interjuri. Il-kittieba mistiċi jgħallmuna li l-ġewwieni tagħna jrid ikollu x-xenqa għall-verità. U għalhekk dawn il-mistiċi jispirawna u jgħinuna quddiem l-isfidi kontinwi li għandna quddiemna fi żminijietna. Irridu nħallu l-Ispirtu s-Santu imiss il-qiegħ ta’ qalbna.

Alla hu l-ikbar esseri li aħna nistgħu niltaqgħu miegħu. Għalhekk ir-relazzjoni tal-persuna umana m’Alla u viċi versa jridu jiġu mifhuma bħala laqgħa ta’ mħabba. Dan joħloq unità profonda bla ma tolqot jew tnaqqas l-identità tat-tnejn. Kull mistiku għandu l-mod tiegħu kif wasal biex jibni relazzjoni intima m’Alla. F’din il-ħarġa tal-Knisja 2000 se ssibu tagħrif fuq 11-il mistiku Nisrani li għexu f’diversi żminijiet matul l-istorja twila tal-Knisja Kattolika. Jalla dawn il-mistiċi rġiel jgħinuna biex aħna nersqu iktar lejn il-Ħallieq tagħna.



Min jixtieq jakkwista kopja mitbugħa ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.




Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page