Din is-sena qed jiġi mfakkar is-seba’ mitt sena mill-kanonizzazzjoni tad-Dumnikan Tumas t’Akwinu (1225-1274) li ġrat fit-18 ta’ Lulju tal-1323 mill-Papa Ġwanni XXII ġewwa Avignon, fi Franza. Tumas huwa wieħed mill-aqwa imħuħ li dehru fid-dinja u fil-Knisja Kattolika, fejn it-tagħlim tiegħu għadu rilevanti sal-lum. Dan it-tagħlim insibuh mifrux f’numru kbir ta’ kitbiet li jittrattaw temi li jolqtu l-bniedem u r-relazzjoni tiegħu m’Alla. Il-ġenju ta’ Tumas jidher fil-mod kif hu għaqqad l-għerf mal-qdusija – ir-relazzjoni tiegħu m’Alla dawlitu biex jagħraf iktar il-kobor ta’ Alla u tal-bniedem u kif dan tal-aħħar irid jilħaq il-milja tal-ħajja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li l-Papa Ġwanni XXII stqarr li Tumas ‘dawwal lill-Knisja iktar mill-għalliema l-oħra kollha’.
Fl-ewwel parti tal-bulla tal-kanonizzazzjoni, Redemptionem misit, il-Papa Ġwanni XXII (1249-1334) jagħti r-raġunijiet għala Tumas ġie pproklamat qaddis fil-Knisja Kattolika. Dan il-Papa jiddeskrivi lil Tumas bħala persuna li kellha reputazzjoni ta’ ħajja virtuża li għenitu f’qasir żmien isawwar tagħlim li malajr inxtered u ġibed l-ammirazzjoni ta’ ħafna. Tant hu hekk li jgħoddu għalih il-kliem tas-Salmista: ‘Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, u tixba’ l-art bil-frott ta’ għemilek’ (Salm 103:13). L-iskop li għalih Tumas kiteb xogħlijiet fuq il-Filosofija, fuq l-Iskrittura Mqaddsa, u fuq it-Teologija kien biex huwa juri l-glorja t’Alla, biex jgħin fit-tagħlim tal-istudenti u biex tissaħħaħ il-fidi fost il-poplu ta’ Alla.
Ġwanni XXII ikompli jistqarr li Tumas bħala reliġjuż Dumnikan kien kuntent bl-ikel u l-ilbies tar-reliġjużi, kien ta’ karattru ġentili bi tjubija delikata, kellu ħniena immensa u kien sottomess b’umiltà lejn is-superjuri tiegħu. Huwa kien imżejjen b’aktar virtujiet u fuq kollox ma kinux jinteressawh l-unuri. Għalkemm kien jiddiskuti u jieħu sehem f’disputi, huwa qatt ma ddomina lill-avversarji tiegħu b’tali mod li żeblaħhom bi kliemu, imma huwa xorta baqa’ jirrispetta lil min ma kienx jaqbel miegħu. Dan il-qaddej t’Alla kien moħħu biss fil-ħidma divina tant li huwa kien ġenju fl-istudju, fit-tagħlim, fil-predikazzjoni, fit-talb, u fil-kitba. Huwa ngħata kollu kemm hu għal din il-ħidma assidwa b’tali mod li ma kienx hemm mistrieħ għalih għaliex dejjem kien impenjat biex jilħaq il-miri vasti tiegħu.
Fit-tieni parti tal-bulla, il-Papa Ġwanni XXII isemmi xi mirakli li ġraw wara l-mewt ta’ Tumas fosthom mirakli ta’ fejqan li jkomplu jsaħħu l-qdusija tiegħu. Fi kliem il-Papa, dan kollu juri l-ħajja qaddisa li għex id-duttur Angeliku u għalhekk jistħoqqlu li jiġi meqjus bħala mudell għal dawk li jsegwu ħajtu u jimxu fuq il-patrimonju kbir li ħalla warajh. Ta’ min isemmi li mill-Papa Alessandru IV (1254) sa żmienna, il-papiet, permezz tad-dokumenti maġisterjali tagħhom, ma waqfux jitkellmu fuq il-kontribut siewi li ħalla Tumas t’Akwinu lill-Knisja.
Illum San Tumas għadu jistieden lil dawk ta’ rieda tajba biex ikomplu jiskopru l-għana li hemm fit-twemmin nisrani. Il-kitbiet tiegħu huma kollha frott tat-tiftix t’Alla li hu ma waqafx jagħmel matul ħajtu kollha. L-imħabba tiegħu lejn Alla wasslitu biex jiskopri tassew min hu dan Alla permezz tal-Kotba Mqaddsa u tal-kummentaturi tagħhom. Għalih Alla kien kollox u jrid li bħalu l-bnedmin jersqu lejh. Għal Tumas, Alla ma kienx xi ħadd astratt li qiegħed 'il bogħod mill-bnedmin imma għall-kuntrarju huwa qiegħed qrib u preżenti fid-dinja għax hu l-Ħallieq tagħha.
F’din il-ħarġa tal-Knisja 2000, nru146, għandkom issibu diversi artikli fuq temi li ttratta Tumas t’Akwinu fil-kitbiet tiegħu.
Min irid jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.
Comments