Fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa, li fiha ż-żagħżugħ Fra Antoine Gauci għamel l-ewwel professjoni tiegħu fl-Ordni Dumnikan, fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu, il-Provinċjal sejjaħ din ir-raba’ ġimgħa tas-sena 2022 bħala ‘ġimgħa ta’ grazzja.’
Fil-bidu tal-ġimgħa tħabbret in-nomina ta’ P. Bernard Caruana, missjunarju Dumnikan Malti fl-Albanija, bħala Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Tirana. Fl-istess waqt l-Arċisqof Emeritu Mons. George Frendo ċċelebra l-aħħar quddiesa fil-Parroċċa San Duminku f’Durrës, immexxija mill-patrijiet Dumnikani Maltin fl-Albanija, u issa jinsab fi triqtu lura lejn art twelidu.
It-Tlieta 25 ta’ Jannar, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, in-novizz Fra Antoine Gauci, mir-Rabat, għamel l-Ewwel Professjoni reliġjuża f’idejn il-Provinċjal P. Vince Micallef waq quddiesa solenni fil-Knisja tal-Lunzjata, il-Birgu. Għaliha attendew għadd ġmielu ta’ qraba, ħbieb, u Lajċi Dumnikani.
Intant, il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar 2022, festa ta’ San Tumas t’Akwinu, tlett ġuvintur, tnejn f’Malta u wieħed ġewwa l-Albanija, bdew l-esperjenza tagħhom fil-Provinċja Dumnikana Maltija bħala prenovizzi. il-prenovozzjat huwa perjodu fejn wieħed jibda’ jduq il-ħajja reliġjuża u jitħejja għas-sena tan-novizzjat.
Filwaqt li nroddu ħajr lil Alla għall-grazzji kbar li qed jixħet fuq il-provinċja tagħna, nitolbu għal dawn l-aħwa, u għal aktar vokazzjonijiet fl-Ordni tal-Predikaturi.
Comments