top of page
eec385e64adc09907cad68a0b2da9f9e.jpg

SPIRITWALITÀ MARJANA

Kitba ta' P. Joseph Ellul

Fuq dawn iż-żewġ konklużjonijiet hija mibnija t-tradizzjoni spiritwali tal-Ordni tal-Predikaturi. U l-mudell li fuqu mxew San Duminku u ħutu hija Marija. Il-preżenza ta’ Marija fil-ħajja tal-Ordni tidher sa mill-bidu tal-istorja tiegħu. Il-Beatu Ġordan jirrakkonta l-ġrajja li wasslet il-Beatu Reġinald ta’ Orleans jissieħeb fl-Ordni:

Darba, waqt li kien jaħraq bid-deni, Marija Verġni, is-Sultana tas-sema u Omm il-ħniena, niżlet iżżuru u dehritlu. Hija kellha f’idejha bħal żejt is-saħħa, u bih dilkitlu għajnejh, imnifsejh, widnejh, fommu, ġenbejh, idejh u riġlejh, u qaltlu dan il-kliem: “Nidliklek riġlejk biż-żejt imqaddes bħala tħejjija għall-Evanġelju tas-sliem.” Barra minn dan, urietu wkoll il-libsa sħiħa tal-Ordni. Minnufih ħass ruħu mfejjaq għal kollox u ġismu kollu reġa’ f’saħħtu…[1]

 

F’dan ir-rakkont insibu mhux biss is-sehem ta’ Marija fid-dħul fl-Ordni ta’ dan il-bniedem qaddis, imma saħansitra f’dak li jfisser l-identità Dumnikana: il-libsa.

Imma dak li l-aktar juri fid-dieher l-identità Marjana tal-Ordni hija t-talba tar-Rużarju. Hemm rabta li tmur lura sekli bejn l-Ordni u t-tifsila u t-tixrid ta’ din it-talba hekk għażiża. Ilkoll nafu li l-għeruq tagħha jinsabu fid-drawwa tar-reċita ta’ 150 Paternoster (hekk imsejjaħ Psalterium Christi) flimkien ma’ 150 Ave Maria li dak iż-żmien kienet magħmula biss mit-tislima tal-anġlu (Lq 1:28) (hekk imsejjaħ Psalterium Virginis Mariae). San Duminku u sħabu kienu jirreċitaw ta’ sikwit għarkopptejhom l-Ave Maria. Kien biss fis-seklu ta’ wara li mal-Ave Maria żdiedet it-tislima ta’ Eliżabetta (Lq 1:42). Aktar tard, bħalma nafu, din it-talba ħadet spinta ’l quddiem permezz ta’ Alain de la Roche (+ 1475) li nistgħu ngħidu li kien hu li sawwar din it-talba fil-forma attwali tagħha. Huwa qassam il-150 Ave Maria fi gruppi ta’ għaxra bit-talba tal-Paternoster bejniethom u taha l-isem ta’ Salterju ta’ Marija.[2]

Id-devozzjoni lejn Marija fi ħdan l-Ordni ssuktat u ssaħħet fi żmien il-Beatu Ġordan ta’ Sassonja. Huwa u jikteb dwar kif fl-Ordni daħlet it-tradizzjoni tal-kant tas-Salve Regina ibda mill-Provinċja tal-Lombardija; il-Beatu Ġordan jistqarr:

 

Kemm silet dmugħ ta’ devozzjoni dan it-tifħir qaddis lill-Omm miqjuma ta’ Kristu! Kemm bnedmin meta jisimgħu dik l-antifona u jkantawha, iħossu ruħhom imqanqlin mill-imħabba u qalbhom tinħall u timtela b’ħeġġa qaddisa! Aħna nemmnu li Omm il-Feddej tagħna titgħaxxaq b’dan it-tifħir, din it-tislima togħġobha. Wieħed raġel, reliġjuż ħafna u ta’ min jemmnu, qalli li sikwit, waqt li l-patrijiet ikunu jkantaw Eia ergo advocata nostra, kien jara lil Omm Sidna tinxteħet quddiem Binha, titolbu jħares l-Ordni kollu. Din il-ġrajja qiegħed niktibha bħala tifkira, biex dawk ir-reliġjużi  li jaqrawha għalli ġej ikattru d-devozzjoni tagħhom għat-tifħir tal-Verġni.[3]

 

It-titlu tal-ewwel kapitlu tal-ewwel taqsima tax-xogħol ta’ Gerard Frachet Vitae Fratrum jagħtina ħjiel ċar tal-qima u l-imħabba li l-Ordni kellu sa minn dejjem lejn Marija u li tinsab fil-qalba tal-ħajja u tal-appostolat tiegħu: Kif il-Madonna qalgħet dan l-Ordni mingħand Ġesù Kristu.

Frachet jitħaddet ukoll dwar drawwa partikulari li kien iħaddan il-Beatu Ġordan:

 

Kellu qima kbira lejn il-Verġni Marija, Sidtna l-imqaddsa, u kien jaf xi ħrara kellha biex tkabbar u tħares l-Ordni li tiegħu hu kien mexxej.

Wieħed patri, b’kurżità qaddisa, baqa’ moħbi biex jara x’kien jitlob quddiem l-altar tal-Madonna; il-Majjistru sar jaf b’dan u qabdu u staqsieh min kien. Dak wieġbu: “Jien ibnek Bertoldu.” Il-Majjistru qallu biex imur jistrieħ, iżda billi r-reliġjuż urieh li xtaq jaf x’kien qiegħed jitlob, il-Qaddis beda jfissirlu l-mod tat-talb tiegħu u l-aktar lill-Verġni Marija, u qallu li f’ġieh il-Verġni mqaddsa kien jgħid ħames salmi skont il-ħames ittri ta’ dan l-isem ‘MARIA’;[4] l-ewwel kien jibda bl-‘Ave, maris stella’, imbagħad jgħid ‘Magnificat’, ‘Ad te Domine, levavi animam meam’, ‘Retribue’, ‘In convertendo’, ‘Ad te levavi oculos meos’, u jagħlaq kull salm bil-‘Gloria Patri’, ‘Ave, Maria’, u ġenuflessjoni. U żied jgħid lil dak ir-reliġjuż: “Nagħtik eżempju, ibni, biex tkun tista’ tifhem kemm hi ħaġa tajba tfaħħar lil Omm Sidna.”[5]

 

Il-Beatu Umbertu ta’ Romans jiġbor fil-qosor il-preżenza ta’ Marija fil-ħajja tal-Aħwa Predikaturi b’dan il-kliem:

 

Fl-Ordni tagħna meta wieħed jipprofessa jagħmel il-wegħdiet tiegħu lilha wkoll u jgħid: “Nagħmel professjoni u nwiegħed l-ubbidjenza ’l Alla u lill-Imqaddsa Marija”… Imma r-rispett u d-devozzjoni li għandna nuru lill-Verġni Mbierka jitolbu minna li nagħmlu iżjed minn dak li tgħid il-Kostituzzjoni. Għax hija kienet għajnuna kbira fit-twaqqif tal-Ordni u nittamaw li twasslu fi tmiem tajjeb.[6]

 

Hija tradizzjoni antika fl-Ordni tagħna li l-jum jibda u jintemm bit-tifħir lil Marija. Ta’ min hawnhekk jagħmel osservazzjoni importanti: id-devozzjoni lejn Marija fi ħdan l-Ordni mhijiex waħda bbażata fuq sentimentaliżmu iżda fuq kif huwa jħares lejn Marija fid-dawl tal-identità u tal-missjoni tiegħu bħala Ordni tal-Predikaturi. Għaldaqstant, festa Marjana għal qalb l-Ordni hija dik tat-Tħabbira tal-Anġlu. Dwar dan hemm żewġ raġunijiet:

  1. Għax f’din il-ġrajja tħabbar it-twelid ta’ Ġesù, is-salvatur tad-dinja.

  2. Għax permezz tat-tweġiba tagħha hija nisslet il-Kelma ta’ Alla u b’hekk din il-Kelma saret bniedem. Il-festa tal-Lunzjata hija l-festa tal-Inkarnazzjoni tal-Kelma ta’ Alla.

 

Fid-dawl ta’ dan kollu nistgħu nagħrfu r-rabta li teżisti bejn it-tradizzjoni spiritwali tal-Ordni tal-Predikaturi u l-identità u l-missjoni li dan iwettaq. Dan huwa l-wirt li ħallielna San Duminku bħala fundatur, mexxej u missier.

 

[1] Beatu Ġordan ta’ Sassonja op. cit., n. 57.

[2] Dwar l-għeruq u l-iżviluppi li għaddiet minnhom din it-talba ara Joseph Ellul O.P., Rużarju Bibbliku, Pubblikazjonijiet Dumnikani, Malta 2003, pp. 4-10.

[3] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 120; ara wkoll Gerard Frachet O.P., Vitae Fratrum, l-Ewwel Taqsima, l-Ewwel Kapitlu, nn. 57-59.

[4] It-traduttur Valent Barbara jżid nota dwar din id-drawwa:

Din ix-xorta ta’ talba fl-Ordni Dumnikan hija magħrufa bħala t-‘Tislima lill-Isem tal-Madonna’ tal-Beatu Ġordan; imma ma kienx Ġordan li fassalha billi kienet ġa magħrufa sa minn żmien qabel. It-talba tibda bl-innu lill-Madonna ‘Sliem, kewkba tal-baħar’, imbagħad jingħadu ħames salmi li l-ewwel ittra ta’ kull wieħed minnhom wara xulxin tifforma l-isem ‘MARIA’. Dawn is-salmi huma l-kantiku ‘Issebbaħ ruħi l-Mulej’, li kienet qalet il-Madonna fiż-żjara tagħha lil Eliżabetta; is-salm 24 ‘Lejk nerfa’ r-ruħ tiegħi’; is-salm 118, vv. 17-24 ‘Agħti lill-qaddej tiegħek’; is-salm 125 ‘Meta reġġa’ l-Mulej’, u s-salm 122 ‘Lejk nerfa’ għajnejja’.

Ara n-nota li jmiss.

[5] Gerard Frachet O.P., op. cit., it-Tielet Taqsima, Kapitlu 24, n. 120, p. 66. Ara wkoll nota 3 li tinsab f’dik il-paġna.

[6] Umbertu ta’ Romans, De vita regulari vol. II Edizzjoni Berthier, Ruma 1888, p. 72, meħud mill-Proprju tal-Ordni tal-Predikaturi, p. 485.

Spiritwalità Marjana: About Us
bottom of page