top of page
luca-giordano-our-lady-of-the-rosary.jpg

TALBA KONTEMPLATTIVA

Kitba ta' P. Alan Joseph Adami

Il-kontemplazzjoni, kif imur jgħallimna d-Duttur Anġeliku San Tumas t'Akwinu, tinsab l-ewwel u qabel kollox fl-intelliġenza tagħna, għaliex permezz tal-kontemplazzjoni aħna nagħrfu l-Misteri qaddisa. Iżda l-kontemplazzjoni, jkompli l-Qaddis Dumnikan, tilħaq il-milja tagħha fit-tqanqil tar-rieda tagħna, għaliex il-kontemplazzjoni ma tistax tkun mifruda mill-imħabba t'Alla. Infatti, San Girgor il-Kbir jorbot il-ħajja kontemplattiva kollha kemm hi fl-imħabba t'Alla. Isimgħu l-kliem sabiħ li jikteb fil-kummentarju tiegħu fuq il-ktieb tal-Profeta Isaija, “vita contemplativa, calcatis curus omnibus, ad videndam faciem sui creatoris inardescit” (il-ħajja kontemplattiva, tkasbar il-preokupazzjoni fuq il-ħwejjeġ tad-dinja, u titħeġġeġ biex tħares lejn il-wiċċ tal-ħallieq tagħha). Fil-ħajja kontemplattiva wieħed iħares lejn il-misteri divini u jitħeġġeġ bl-imħabba lejn Alla. Però biex wieħed iħares fuq wiċċ ħaddieħor jeħtieġ illi jkun fil-preżenza tiegħu.

U min jekk mhux il-Verġni Mbierka toqgħod bħala l-mudell l-aktar perfett tal-kontemplazzjoni, meta fid-dar ta’ Nazaret hija ħarset lejn wiċċ il-ħallieq tagħha fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Kif jikteb il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fir-Rosarium Virginis Mariae, “Il-kontemplazzjoni ta’ Kristu għandha f’Marija xempju li m’hemmx bħalu. Il-wiċċ ta’ Kristu huwa b’mod waħdieni ta’ Marija. Kien f’ġufha li Kristu ġie msawwar…Ħadd ma kien mogħti għall-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu hekk fedelment daqs Marija.”[1] U allura mhux ta’ b’xejn li nistgħu ngħid, mal-Papa Ġwanni Pawlu II, li r-rużarju hija “l-iskola tal-kontemplazzjoni,” ġaladarba r-rużarju hija talba Marjana.

Il-Verġni Mbierka kienet il-mudell per eċċellenza tal-kontemplazzjoni, minħabba l-imħabba tagħha lejn Alla li kienet nisġa ta’ ward ifuħ, rosarium odorata. San Girgor il-Kbir jqis propju l-qalb imkebbsa bl-imħabba ta’ Alla (caritate Dei), bħala l-bidu tal-kontemplazzjoni, u jpoġġi bħala it-tmiem jew il-milja tal-kontemplazzjoni l-hena (delectationem), it-tgawdija ta’ din l-istess imħabba, jiġifieri Alla nnifsu li kif jgħallimna San Ġwann huwa mħabba.

Issa bħalma kull imħabba oħra tal-bnedmin titkebbes aktar ma’ il-maħbub ikun viċin ta’ dak li jħobb, hekk ukoll l-imħabba ta’ Marija lejn Alla tkebbset aktar ma daħlet fil-fond tal-misteri l-kbar tiegħu. Bħalma aktar ma n-nar jersaq lejn il-ħatab aktar l-ħatab jitkebbes, hekk ukoll aktar ma’ Alla resaq lejn il-Verġni Mbierka aktar xegħlet qalbha bl-imħabba lejh; bil-karità. U liema qrubija tisboq dik tal-omm lejn uliedha meta jkunu f’ġufha? Setgħet qatt il-karità ta’ Marija ma tkunx imkebbsa meta Alla kien qiegħed jieħu n-natura umana f’dak il-maqdes ta’ ġufha?

Huwa meta biss nirrealizzaw il-viċinanza ta’ Alla ma’ Marija, li nistgħu napprezzaw l-intensità tal-imħabba tagħha lejn Alla. Huwa meta biss nagħrfu il-livell tal-intensità tal-imħabba tagħha, li nistgħu napprezzaw il-livell tal-kontemplazzjoni tagħha. X’mudell ta’ kontemplazzjoni! Din l-omm imkebbsa bl-imħabba lejl u nhar tgħaddi tixtarr il-misteri ta’ Alla. U allura mhux ta’ b’xejn li r-rużarju Mqaddes iġib l-isem tal-schola contemplationis għaliex min jitlob ir-rużarju bħal Marija jgħaddi ħinu fil-kontemplazzjoni tal-ħajja ta’ Kristu. Dak li Marija kienet tagħmel bis-sensi tagħha hija u tara l-ħajja ta’ binha Ġesù tiżvolġi quddiem għajnejha, aħna nagħmluh bit-taħrika ħelwa taż-żibeġ fuq il-kuruna tar-Rużarju. Għalhekk din it-talba hija għalliema tal-Kontemplazzjoni Marjana. Għaliex bħal Marija fir-Rużarju nerġgħu nġibu quddiem għajnejna l-aktar misteri profondi tas-Salvatur tagħna, l-Inkarnazzjoni, ir-Redenzjoni, u l-Ħajja Eterna.

U t-talba tar-Rużarju b’mod tassew tal-għaġeb tgħallimna l-kontemplazzjoni fi tlett stadji, skond il-progress tagħna fil-ħajja nisranija.

L-ewwel pass huwa l-għarfien tad-destinazzjoni finali tal-ħajja nisranija. Fl-ewwel stadju tal-ħajja kontemplattiva l-bniedem jirċievi għarfien, revelazzjoni, li l-iskop tal-eżistenza tiegħu huwa l-għaqda sħiħa tiegħu ma’ Alla fil-Viżjoni Beatifika fis-sema. Dan l-għerf divin irċevejnih permezz fil-ħajja umana ta’ Kristu. Huwa proprju din ir-rivelazzjoni ta’ ferħ li nikkontemplaw fil-misteri tal-ferħ.

It-tieni pass huwa t-triq li permezz tagħha naslu fil-għaqda sħiħa ma’ Alla. Din it-triq m’hija xejn ħlief it-taħriġ fil-ħajja tal-virtù. Dan hu l-livell kontemplattiv tal-viatores, jiġifieri dan l-istadju ta’ tagħna lkoll li aħna mixjin fit-triq lejn il-qdusija. Dan l-istadju tal-viatores għandu żewġ aspetti. L-ewwel aspett narawh fil-Misteri tad-Dawl, li fihom niftakru fil-għodda li jonġru fina l-virtujiet sabiex jagħmlna xbiha ħajja ta’ Kristu. It-tieni aspett narawh fil-Misteri tat-Tbatija, li permezz tagħhom jiskulpaw fina s-sofferenzi li jagħmluna xbiha ħajja ta’ Kristu Msallab.

L-aħħar stadju imbagħad fil-ħajja spiritwali tagħna huwa l-istadju tal-comprehensores, jiġifieri l-istadju ta’ dawk li waslu diġà fil-viżjoni Beatifika u qiegħdin igawdu lil Alla. Dan huwa l-istadju tal-qaddisin li jinsabu jgawdu lil Alla. Dan l-istadju fil-ħajja spiritwali huwa simbolizzat permezz tal-Misteri tal-Glorja, li permezz tagħhom nitfarrġu u nitqawwew fit-tama li glorja li misset lil Sidna Ġesù Kristu, u li l-ewwel frott tagħha deher fil-Verġni Mbierka, jidher ukoll fina fil-qawmien mill-imwiet permezz tal-grazzja tiegħu. Kemm hu ġust allura l-kliem tal-Beatu Bartolo Longo li jmur isejjaħ lir-rużarju, dulcis cum Deo nos alligans catena (katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla). Għaliex min jitlob ir-rużarju jimxi fit-triq tal-kontemplazzjoni li twassal għall-perfezzjoni.

Għalhekk ir-Rużarju huwa akkumpanjament għall-kulħadd, jinsab f’liema stadju jinsab fil-ħajja nisranija tiegħu: kulħadd jista’ jkun kontemplattiv meta jaqbad il-kuruna tar-Rużarju. Għalhekk mela r-Rużarju huwa mezz tas-salvazzjoni, għaliex permezz tal-kontemplazzjoni li joffrilna jħejjina minn issa għall-milja tal-kontemplazzjoni jiġifieri l-Viżjoni Beatifika, meta nħarsu fuq id-Dehra ta’ Wiċċ Alla għal dejjem. Mhux ta’ b’xejn mela li fit-talba fil-Festa tar-Rużarju ngħidu, “nimmeditaw [fuq] il-misteri tar-Rużarju Mqaddes…nimitaw kull ma fihom, u naqilgħu kull ma jwiegħdu.”

 

[1] Ġwanni Pawlu II, Rosarium Virginis Mariae (it-2 edizzjoni; trad. P. Alfred Previ O.P.; Malta: Publikazzjonijiet Dumnikani, 2011), 10.

Spiritwalità Marjana: About Us
bottom of page