NIXTIEQ INSIR DUMNIKAN
KIF INKUN NAF LI MSEJJAĦ?
Is-sejħa għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali tinbet l-ewwel nett fl-imħabba t'Alla. Huwa Alla li jsejjaħ lill-uħud biex permezz t'għaqda aktar intima miegħu jidħlu fil-missjoni tax-xandir tal-Evanġelju. Bosta drabi, Alla ma jsejjaħx b'għeġubijiet kbar imma s-sejħa tinbet fis-skiet fil-ġewwieni tal-bniedem. M'hemmx żmien meta Alla ma jsejjaħx predikaturi minn qalb il-poplu, għaliex is-sejħa għall-konverżjoni hija meħtieġa sakemm itulu ż-żminijiet.
X'JAGĦMILNI DUMNIKAN?
Id-Dumnikan huwa dak li jfittex sfida fil-ħajja tiegħu billi jsir kontradizzjoni għad-dinja u sinjal ta' tama. Huwa għalhekk li d-Dumnikan jintrabat bi professjoni reliġjuża għaliex permezz tagħha jsir jixbah lil Kristu b'mod aktar konkret. Huwa jsir fqir, kast, u ubbidjenti bħalma kien Kristu. B'din ir-radikalità tal-ħajja tiegħu huwa jagħti xhieda tat-tama li għandu. Għalhekk id-Dumnikan huwa l-ewwel u qabel kollox reliġjuż.
Iżda peress li l-Ordni kien imwaqqaf għas-salvazzjoni tal-erwieħ, San Duminku xtaq li l-aħwa jkunu ppreparati permezz tal-istudju biex il-verità li jħabbru tkun tgħammar fihom u fl-istess waqt tiftiehem mill-poplu t'Alla. Huwa xtaq li huma jkunu mħejjija permezz tat-talb, biex il-predikatur ikollu għaqda mal-verità.
L-Ordni huwa magħmul minn saċerdoti, reliġjużi, u lajċi. Ilkoll huma mseħbin fl-Ordni għas-servizz tal-Kelma u l-missjoni tal-Predikazzjoni li ġġib magħha.
X'NISTA' NAGĦMEL?
Iż-żmien ta' dixxerniment u riflessjoni qabel l-impenn sħiħ tal-vokazzjoni reliġjuża huwa importanti. Bosta żgħażagħ jiġu jgħaddu ftit jiem il-kunvent, jaraw il-ħajja tal-Patrijiet, u jsiru jafuhom aħjar. Għal dan il-għan il-Promotur tal-Vokazzjonijiet jiltaqa' ma' dawk imħajjrin biex jintroduċihom bil-mod-il mod għall-
ħajja Dumnikana u jimxi magħhom fit-tfittxija għar-rieda t'Alla f'ħajjithom.
TKELLEM MAL-PROMOTUR TAL-VOKAZZJONIJIET!
L-ewwel pass huwa li wieħed jikteb lill-Promotur tal-Vokazzjonijiet jew jitkellem ma' xi patri biex jiggwidah hu. Tista' tagħmel kuntatt fuq vocations@opmalta.org jew inkella tibgħatilna messaġġ.
Ara
L-Arċisqof Emeritu ta' Malta Mons. Pawlu Cremona OP jitkellem dwar il-voti reliġjużi
Riflessjoni dwar il-vokazzjoni saċerdotali llum.